Park Nazzjonali ta' Þingvellir
park nazzjonali fl-Iżlanda / From Wikipedia, the free encyclopedia
Þingvellir (bl-Iżlandiż: [ˈθiŋkˌvɛtlɪr̥], spelluta wkoll b'mod Angliċizzat bħala Thingvellir) kien is-sit tal-Alþing, il-parlament annwali tal-Iżlanda mid-930 W.K. sal-aħħar sessjoni li sar f'Þingvellir fl-1798. Mill-1881, il-parlament ġie ttrasferit fi ħdan Alþingishúsið f'Reykjavík.[1]
Þingvellir issa huwa magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta' Þingvellir, u jinsab fil-muniċipalità ta' Bláskógabyggð fil-Lbiċ tal-Iżlanda, madwar 40 km (25 mil) fil-Grigal tal-belt kapitali tal-Iżlanda, Reykjavík. Þingvellir huwa sit ta' importanza storika, kulturali u ġeoloġika, u huwa waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi popolari fl-Iżlanda. Il-park nazzjonali jinsab f'wied tettoniku li jimmarka l-quċċata tal-Katina tal-Atlantiku Nofsani u l-konfini bejn il-plakek tettoniċi tal-Amerka ta' Fuq u tal-Ewrasja. Lejn in-Nofsinhar tal-park hemm Þingvallavatn, l-ikbar lag naturali fl-Iżlanda.[2]
Il-Park Nazzjonali ta' Þingvellir (bl-Iżlandiż: þjóðgarðurinn á Þingvöllum [ˈθjouðˌkarðʏrɪn au ˈθiŋkˌvœtlʏm]) ġie stabbilit fl-1930, fl-1,000 anniversarju tal-Althing. Il-park iktar 'il quddiem twessa' sabiex jiġu protetti l-fenomeni diversi u naturali fl-inħawi tal-madwar, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[3]