Gżira ta' Robben
gżira f'Table Bay, Cape Town, l-Afrika t'Isfel / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Gżira ta' Robben (bl-Afrikaans: Robbeneiland) hija gżira f'Table Bay, 6.9 kilometri (4.3 mili) fil-Punent tal-kosta ta' Bloubergstrand, fit-Tramuntana ta' Cape Town, l-Afrika t'Isfel. Isem il-gżira joriġina mill-kelma Olandiża għal foki (robben).
Il-Gżira ta' Robben għandha għamla bejn wieħed u ieħor ovali, twila 3.3 kilometri (2 mili) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u wiesgħa 1.9 kilometru (1+1⁄8 mil), b'erja ta' 5.08 km2 (1+31⁄32 mil kwadru). Il-gżira hija ċatta u ftit metri biss 'il fuq mil-livell tal-baħar, bħala riżultat ta' avveniment ta' erożjoni tal-qedem. Ġiet iffortifikata u ntużat bħala ħabs mill-aħħar tas-seklu 17 sal-1996, wara t-tmiem tal-apartheid.
L-attivist politiku u l-avukat Nelson Mandela kien intefa' l-ħabs fil-gżira għal 18-il sena mis-27 sena ta' priġunija tiegħu qabel il-waqgħa tal-apartheid u l-introduzzjoni ta' demokrazija multirazzjali sħiħa. Iktar 'il quddiem rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi u ġie elett fl-1994 bħala President tal-Afrika t'Isfel, u kien l-ewwel President ta' karnaġjon sewda tal-pajjiż għal mandat wieħed mill-1994 sal-1999. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-priġunieri kien jinżammu fil-gżira għal raġunijiet politiċi. Żewġ eks priġunieri oħra tal-Gżira ta' Robben, flimkien ma' Mandela, ġew eletti għall-Presidenza mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20: Kgalema Motlanthe (2008-2009)[1] u Jacob Zuma (2009-2018).
Il-Gżira ta' Robben hija Sit ta' Wirt Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel u hija wkoll Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]