Intelliġenza artifiċjali
qasam tal-prattiki tax-xjenza tal-kompjuter u tal-inġinerija li jiżviluppaw magni jew software intelliġenti / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-intelliġenza artifiċjali (IA) hija intelliġenza — li tipperċepixxi, tisintetizza, u tiddeduċi informazzjoni — murija mill-magni, għall-kuntrarju tal-intelliġenza naturali murija mill-annimali u bnedmin. Eżempji ta' kompiti li fihom jintuża IA jinkludu r-rikonoxximent awtomatiku tad-diskors mitkellem, l-vista tal-kompjuter, u t-traduzzjoni awtomatika bejn lingwi (naturali).
L-applikazzjonijiet tal-IA jinkludu magni tat-tfittix avvanzati (eż. Google), sistemi ta' rakkomandazzjoni (użati minn YouTube, Amazon, u Netflix), kompjuters li jifhmu d-diskors mitkellem u miktub uman (bħal Siri u Alexa), karozzi li jsuqu waħedhom (eż. Tesla), teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u kompjuters li jikkompetu fl-ogħla livelli f'sistemi ta' logħob strateġiki (bħaċ-ċess u Go[1]).
L-intelliġenza artifiċjali twaqqfet bħala dixxiplina akkademika fl-1956, u fis-snin ta' wara esperjenzat diversi mewġ ta' ottimiżmu[2], segwit minn diżappunt u telf ta' finanzjament (magħruf bħala "Ix-xitwa tal-IA")[3], segwit minn strateġiji ġodda, suċċessi, u finanzjament imġedded.[4][5] Ir-riċerka tal-IA ppruvat u warrbet ħafna strateġiji differenti sa mit-twaqqif tagħha, inkluż is-simulazzjoni tal-moħħ, il-loġika formali, bażijiet tad-dejta kbar ta' għarfien u l-imitazzjoni tal-imġieba annimaleska. Fl-ewwel deċennji tas-seklu 21, it-tagħlim awtomatiku ddomina l-qasam, u din it-teknika wriet suċċess kbir, u għenet biex issolvi ħafna problemi ta' sfida fl-industrija u l-akkademja.[6][7]
L-intelliġenza ġenerali (l-abbiltà li ssolvi problemi arbitrarji) hija fost l-għanijiet fit-tul tal-qasam.[8] Biex isolvu dawn il-problemi, riċerkaturi fl-IA adattaw u integraw firxa wiesgħa ta' metodi għas-soluzzjoni tal-problemi – inklużi tfittxija u ottimizzazzjoni matematika, loġika formali, netwerks newrali artifiċjali, u metodi bbażati fuq statistika, probabbiltà, u ekonomija. L-IA tibbaża wkoll fuq ix-xjenza tal-kompjuter, il-psikoloġija, il-lingwistika, il-filosofija, u ħafna oqsma oħra.
Il-qasam kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li saret f'proposta għal proġett ta' riċerka f'Darthmouth fil-1955[9] fejn qalu "L-istudju għandu jipproċedi fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li kull aspett tat-tgħalim jew kwalinkwa aspett ieħor ta' intelliġenza jista' teoretikament jkun deskritt tant preċiżament li tkun possibbli ssir magna li tissimulah."
Dan qajjem argumenti filosofiċi dwar il-moħħ u l-konsegwenzi etiċi ta' li jinħolqu ħlejjaq artifiċjali b'intelliġenza bħal tal-bniedem; dawn il-kwistjonijiet kienu diġa ġew esplorati fil-ħrejjef u mitoloġiji, finzjonijiet, u filosofija sa mill-antikità.[10] Xjentisti tal-kompjuter u filosfi issuġġerew li l-IA tista' ssir riskju eżistenzjali għall-umanità jekk il-kapaċitajiet razzjonali tagħha ma jiġux immexxija lejn miri ta' benefiċċju uman.[11]