Mérida (Veneżwela)
From Wikipedia, the free encyclopedia
Mérida (l-isem sħiħ, Santiago de los Caballeros de Mérida) hija belt fil-Veneżwela, il-kapitali tal-muniċipalità ta' Libertador u tal-istat ta' Mérida, u hi waħda mill-bliet prinċipali tal-Andi Veneżwelani. Fundata fl-1558 bħala parti mill-Viċirenju tal-Grenada l-Ġdida, aktar tard saret parti mill-Kapitali Ġenerali tal-Veneżwela, u kellha rwol dirett fil-Gwerra tal-Indipendenza.
II-popolazzjoni ta' Mérida tgħodd iktar minn 200,000 ruħ u ż-żona metropolitana għandha mat-350,000 ruħ. Din il-belt hija ċ-ċentru tal-edukazzjoni u tat-turiżmu ta' Veneżwela tal-Punent, fejn hi s-sede tal-Università tal-Andi u l-Arċidjoċesi ta' Mérida. Barra minn hekk, għandha t-tieni l-itwal u l-ogħla funikular fid-dinja.
Il-belt tinsab fuq pjanura fil-wied tax-xmara Chama li tgħaddi minn tarf għal ieħor. L-altitudni ta' Mérida hi ta' 1,600 metru fuq il-livell tal-baħar. L-isfond tal-orizzont ta' Mérida hu l-ogħla quċċata tal-pajjiż, il-Pico Bolívar.