Malta taħt il-Franċiżi
iż-żmien qasir meta Malta kienet maħkuma u tmexxiet mill-Franċiżi (1798-1800) / From Wikipedia, the free encyclopedia
Malta taħt il-Franċiżi kien perjodu qasir ta' sentejn mill-1798 sal-1800. L-Ordni ta' San Ġwann ċeda Malta lil Napuljun Bonaparte hekk kif il-Franċiżi żbarkaw f'Ġunju 1798. Il-Franċiżi f'Malta stabbilew tradizzjoni kostituzzjonali fl-istorja tal-gżejjer (bħala parti mir-Repubblika Franċiża), ipprovdew edukazzjoni b'xejn lil kulħadd,[1] u teorikament stabbilew il-libertà tal-istampa, għalkemm matul l-okkupazzjoni ġiet ippubblikata biss il-gazzetta favur il-Franċiżi Journal de Malte.[2]
Il-Franċiżi abolixxew tan-nobbiltà, l-iskjavitù, is-sistema fewdali u l-inkwiżizzjoni.[3] L-uniku tfakkira arkitetturali tal-okkupazzjoni tal-Franċiżi x'aktarx hija l-isfreġju tal-biċċa l-kbira tal-istemmi fil-faċċati tal-binjiet tal-Kavallieri.[4] Il-Maltin wara ftit irribellaw u b'hekk il-Franċiżi kellhom jirtiraw fil-Belt Valletta u fil-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir fejn kienu assedjati għal sentejn sħaħ. Il-Franċiżi ċedew meta l-provvisti tal-ikel tagħhom kienu waslu biex jispiċċaw.[5]