Osservatorju ta' Jodrell Bank
radjuosservatorju astronomiku f'Cheshire, fil-Majjistral tal-Ingilterra / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Osservatorju ta' Jodrell Bank (/ˈdʒɒdrəl/) f'Cheshire, l-Ingilterra, fih għadd ta' radjuteleskopji li jiffurmaw parti miċ-Ċentru ta' Jodrell Bank għall-Astrofiżika fl-Università ta' Manchester. L-osservatorju ġie stabbilit fl-1945 minn Bernard Lovell, radjuastronomu fl-università, biex jiġu investigati r-raġġi kożmiċi wara x-xogħol tiegħu fuq ir-radar fit-Tieni Gwerra Dinjija. Minn dak iż-żmien 'l hawn kellu rwol importanti fir-riċerka dwar il-meteorojdi, il-kwasari, il-pulsari, il-maseri u l-lentijiet gravitazzjonali, u kien involut ferm fit-traċċar tas-sondi spazjali fil-bidu tal-Era Spazjali.
It-teleskopju prinċipali fl-osservatorju huwa t-Teleskopju ta' Lovell. B'dijametru ta' 76 metru, huwa t-tielet l-ikbar radjuteleskopju li jista' jiddawwar fid-dinja. Hemm tliet teleskopji attivi oħra fl-osservatorju: it-teleskopju Mark II, u r-radjuteleskopji b'dijametru ta' 13-il metru u ta' seba' metri. L-Osservatorju ta' Jodrell Bank huwa l-bażi tan-Network tal-Interferometru ta' Diversi Elementi Kkollegat bir-Radju (MERLIN; bl-Ingliż: Multi-Element Radio Linked Interferometer Network), Faċilità Nazzjonali mmexxija mill-Università ta' Manchester f'isem il-Kunsill tal-Faċilitajiet tax-Xjenza u tat-Teknoloġija.
Iċ-Ċentru tal-Viżitatur tal-Osservatorju ta' Jodrell Bank u arboret (ġnien botaniku tas-siġar) jinsabu f'Lower Withington u t-Teleskopju ta' Lovell u l-osservatorju jinsabu ħdejn Goostrey u l-Kappella ta' Holmes. L-osservatorju huwa aċċessibbli mill-A535. Il-linja ferrovjarja minn Crewe sa Manchester tgħaddi qrib ħafna tas-sit, u l-istazzjon ta' Goostrey jinsab distanza żgħir 'il bogħod. Fl-2019, l-osservatorju sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2][3][4]