Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice
park nazzjonali tal-Kroazja u Sit ta’ Wirt Dinji naturali tal-UNESCO / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice (bil-Kroat: Nacionalni park Plitvička jezera, kollokjalment Plitvice, ippronunzjata [plîtʋitse]) huwa wieħed mill-eqdem u l-ikbar parks nazzjonali fil-Kroazja. Fl-1979, il-Park Nazzjonali tal-Lagi ta’ Plitvice tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1949 u jinsab fiż-żona karstika (jiġifieri tal-ġebla tal-ġir) muntanjuża tal-Kroazja ċentrali, fil-fruntiera mal-Bożnija-Ħerzegovina. It-triq importanti li tikkollega t-Tramuntana man-Nofsinhar tal-pajjiż tgħaddi minn ġoż-żona tal-park nazzjonali u tikkollega l-art fuq ġewwa tal-Kroazja mar-reġjun kostali Adrijatiku.
Iż-żona protetta hija estiża fuq 296.85 kilometru kwadru. Madwar 90 % ta’ din iż-żona hija parti mill-Kontea ta’ Lika-Senj, filwaqt li l-10 % l-oħra hija parti mill-Kontea ta’ Karlovac.
Kull sena, iktar minn miljun viżitatur iżuru dan il-park.[2][3] L-aċċess għall-park huwa bi ħlas li jvarja skont it-tip ta’ żjara u jlaħħaq massimu ta’ €34 għal kull adult għal ġurnata (skont il-prezzijiet tas-sajf tal-2018).[4]