Xeff
persuna li tidderieġi t-tħejjija u t-tisjir tal-ikel / From Wikipedia, the free encyclopedia
Xeff jew chef huwa kok professjonali mħarreġ u mlaħħaq u ħaddiem tas-sengħa li huwa espert fl-aspetti kollha tat-tħejjija tal-ikel, li spiss jiffoka fuq tip partikolari ta' tisjir. Il-kelma "xeff" jew "chef" ġejja mit-terminu Franċiż chef de cuisine, jiġifieri d-direttur jew il-kap ta' kċina. Xeff jista' jirċievi taħriġ formali minn istituzzjoni jew inkella jagħmel apprendistat ma' xeff ieħor bl-esperjenza.
Hemm bosta termini differenti li jużaw il-kelma chef, u ġeneralment ikollhom x'jaqsmu ma' oqsma speċifiċi tat-tħejjija tal-ikel. Xi eżempji huma ngħidu aħna s-sous-chef, li ġerarkikament jiġi wara x-xeff fi kċina, u x-chef de partie, li jieħu ħsieb qasam speċifiku tal-produzzjoni tal-ikel. Is-sistema tat-titli fil-qasam tal-kċina hija ġerarkija li tintuża fir-ristoranti u fil-lukandi li jimpjegaw persunal estensiv, b'diversi professjonijiet differenti li jużaw il-kelma chef fit-titli tagħhom. Taħt il-livelli ġerarkiċi kollha ta' xeff imbagħad ikun hemm l-assistenti tal-kċina. Uniformi standard ta' xeff tinkludi kappell (l-iktar wieħed tradizzjonali jissejjaħ toque), maktur ta' madwar l-għonq, ġakketta double-breasted, fardal u par żarbun b'saħħtu (li jaf jinkludi biċċa tal-azzar jew tal-plastik fuq is-swaba').