Hospital de Sant Pau
binja kulturali f'Barċellona, Spanja / From Wikipedia, the free encyclopedia
L-Hospital de Sant Pau, li qabel kien magħruf bħala Hospital de la Santa Creu i Sant Pau (pronunzja bil-Katalan: [uspiˈtal də lə ˈsantə ˈkɾɛw i ˈsam ˈpaw], bil-Malti: Sptar tas-Salib Imqaddes u ta' San Pawl), fil-kwartier ta' El Guinardó, f'Barċellona, il-Katalonja, Spanja, huwa kumpless li nbena bejn l-1901 u l-1930. Huwa wieħed mill-iżjed xogħlijiet prominenti tal-arkitett tal-moderniżmu Katalan Lluís Domènech i Montaner. Il-kumpless ġie elenkat bħala Conjunto Histórico (monument storiku) fl-1978. Flimkien mal-Palau de la Música Catalana, ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1][2]
Magħmul minn 12-il paviljun konnessi permezz ta' galleriji twal taħt l-art fi ħdan l-ispazju aħdar kbir tiegħu, l-Hospital de Sant Pau huwa l-ikbar kumpless li qatt inbena bl-istil tal-Art Nouveau.[3] Kien sptar li kien jiffunzjona għalkollox sa Ġunju 2009 u mbagħad inbena sptar ġdid ħdejh, qabel ma beda x-xogħol ta' restawr fuqu biex jibda jintuża bħala mużew u ċentru kulturali li nfetaħ fl-2014. Apparti li l-eks sptar huwa kapulavur storiku u arkitettoniku importanti, il-binji toffri wkoll spazji tax-xogħol għal organizzazzjoni soċjali ta' profil għoli bħad-WHO, il-Banco Farmacéutico, il-Barcelona Health Hub, l-EMEA, il-UN-HABITAT fost oħrajn.[4] Iċ-ċentru kulturali għandu wkoll arkivju storiku fejn jinstabu r-rekords u d-dokumenti ta' ġrajjiet notevoli b'rabta mal-eks sptar u mal-belt. L-arkivji huma miftuħa għall-pubbliku flimkien ma' kamra għall-qari u joffru tagħrif għall-viżitaturi u għar-riċerkaturi permezz tas-servizz tal-informazzjoni u tar-reprografika.[5]