Politika
prattika u teorija li tinfluwenza lil persuni oħra, għat-tħaddim tal-poter bħal fi gvern / From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-politika (mill-Grieg: Πολιτικά, politiká, jiġifieri "l-affarijiet tal-bliet") hija sett ta' attivitajiet assoċjati mat-teħid tad-deċiżjonijiet fi gruppi, jew forom oħra ta' relazzjonijiet tal-poter bejn l-individwi, bħad-distribuzzjoni tar-riżorsi jew l-istatus. Il-fergħa tax-xjenza soċjali li tistudja l-politika u l-gvern tissejjaħ xjenza politika.
It-terminu jista' jintuża b'mod pożittiv fil-kuntest ta' "soluzzjoni politika", jiġifieri s-sejbien ta' kompromess mingħajr l-użu tal-vjolenza[1], jew b'mod deskrittiv bħala "l-arti jew ix-xjenza tal-governanza", iżda spiss ikollha konnotazzjoni negattiva.[2] Pereżempju, l-abolizzjonista Wendell Phillips iddikjara li "aħna ma nilagħbux il-logħba tal-politika; it-tneħħija tal-jasar għalina mhix ċajta".[3] Il-kunċett ġie definit b'diversi modi, u approċċi differenti għandhom fehmiet li jvarjaw b'mod fundamentali dwar jekk għandhiex tintuża b'mod estensiv jew limitat, empirikament jew normattivament, u jekk il-kunflitt jew il-kooperazzjoni humiex iktar essenzjali għaliha.
Fil-politika jintużaw sensiela ta' metodi, fosthom il-promozzjoni tal-fehmiet politiċi individwali fost in-nies, in-negozjar ma' suġġetti politiċi oħra, it-tfassil tal-liġijiet, u l-eżerċitar tal-forza, inkluż il-gwerra kontra l-avversarji jew l-għedewwa.[4][5][6][7][8] Il-politika tiġi eżerċitata f'firxa wiesgħa ta' livelli soċjali, mill-klans u t-tribujiet tas-soċjetajiet tradizzjonali, għall-gvernijiet lokali moderni, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet, sal-istati sovrani u l-livell internazzjonali. Fin-nazzjonijiet moderni, in-nies spiss jiffurmaw partiti politiċi biex jirrappreżentaw l-ideat tagħhom. Il-membri ta' partit sikwit jaqblu li jieħdu l-istess pożizzjoni fuq ħafna kwistjonijiet u jaqblu li jappoġġaw l-istess bidliet fil-liġi u l-istess mexxejja. Elezzjoni s-soltu tkun kompetizzjoni bejn partiti differenti.
Sistema politika hija qafas li jiddefinixxi metodi politiċi aċċettabbli fi ħdan soċjetà. L-istorja tal-ħsieb politiku tmur lura sa żmien il-qedem, b'xogħlijiet kruċjali bħar-Repubblika ta' Platun u l-Politika ta' Aristotli fil-Punent, u l-manuskritti politiċi ta' Konfuċju u l-Arthashastra u ċ-Chanakya Niti ta' Chanakya fil-Lvant.[9]