Artiġjan
ħaddiem tas-sengħa li jipproduċi jew li joħloq l-affarijiet bl-idejn / From Wikipedia, the free encyclopedia
Artiġjan (bil-Franċiż u bl-Ingliż: artisan, bit-Taljan: artigiano) huwa ħaddiem tas-sengħa li permezz tal-ħiliet manwali tiegħu u bl-użu tal-għodod jirnexxilu jipproduċi jew joħloq oġġetti materjali. Dawn l-oġġetti jistgħu jkunu funzjonali jew għat-tiżjin biss, pereżempju għamara, arti dekorattiva, skulturi, ilbies, oġġetti tal-ikel, oġġetti tad-dar u għodod u mekkaniżmi bħall-moviment tal-arloġġ magħmul bl-idejn minn arloġġar. L-artiġjani jipprattikaw sengħa u permezz tal-esperjenza, tat-talent u tal-ħiliet jistgħu jilħqu livelli espressivi ta’ artist.
L-aġġettiv “artiġjanali” spiss jintuża biex jiġi deskritt l-ipproċessar bl-idejn, b’kuntrast mal-ipproċessar industrijali. Għalhekk, xi kultant l-aġġettiv “artiġjanali” jintuża fil-kummerċjalizzazzjoni u fir-reklamar bħala kelma ta’ valur miżjud ta’ prodott biex tiġi deskritta jew tiġi implikata xi rabta mal-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel magħmula bl-idejn, pereżempju l-ħobż, ix-xorb jew il-ġobon. Tradizzjonalment, ħafna minn dawn il-prodotti rurali jew pastorali jsiru bl-idejn iżda issa saru jiġu prodotti fuq skala akbar bil-mekkanizzazzjoni awtomatizzata fil-fabbriki u żoni industrijali oħra.
L-artiġjani kienu l-produtturi dominanti tal-prodotti tal-konsumatur qabel ir-Rivoluzzjoni Industrijali.
Fil-Greċja tal-qedem, l-artiġjani kienu jinġabru f’agora u spiss kien ikollhom studjo jew ħanut fejn jaħdmu fil-qrib.[1]