Natura mejta
From Wikipedia, the free encyclopedia
Natura mejta hi xogħol tal-arti li jirrappreżenta oġġetti inanimi, ġeneralment oġġetti ta' kuljum li jistgħu ikunu naturali (ikel, fjuri, xtieli, ġebel, jew arzell) jew magħmulin mill-bniedem (għodda tal-kċina, fajjenza, kotba, vażuni, ġojjelli, muniti, pipi, etc) fi spazju artifiċjali. Il-pittura tan-natura mejta, li bdiet fl-antikità u saret popolari l-iżjed fil-punent, tagħti lill-artista iżjed libertà fit-tqegħid tal-elementi tad-disinn f'kompożizzjoni mill-pittura ta' suġġetti oħra, bħall-veduti u r-ritratti. Fin-natura mejta, l-iżjed qabel l-1700, sikwit kien ikun simboliżmu reliġjuż u allegoriku assoċjat mall-oġġetti rappreżentati. F'xi każi n-natura mejta toħroġ mil-limiti bidimensjonali permezz ta' mezzi tekniċi tridimensjonali li jħalltu oġġetti misjubin, fotografiji, grafika ġenerata mill-kompjuters kif ukoll ħoss u vidjo.
It-terminu natura mejta deher għall-ewwel darba fit-Taljan bħala "natura morta" fl-aħħar tas-seklu 17. Vasari uża cose naturali (oġġetti naturali) biex jirreferi għad-disinji ta' Giovanni da Udine. Wara fil-Fjandri lejn l-1650, deher it-terminu stilleven għal xbihat ta' frott, fjuri u ħut jew xbihat ta' ikel imħejji, li wara ġie addottat mill-Ġermaniżi (Stilleben) u mill-Ingliżi (still-life). Dan nistgħu nittraduċuh bħala "ħajja sikta jew wieqfa". Fi Spanja l-espressjoni użata għan-naturi mejtin hi bodegones. Diderot, fis-Salons, kien isemmi "naturi inanimi".
Charles Sterling, speċjalista tan-natura mejta[1], ippropona d-definizzjoni li ġejja għan-natura mejta :
"Natura mejta tassew, titwieled fil-waqt meta l-pittur jieħu d-deċiżjoni fundamentali li jagħżel bħala suġġett grupp ta' oġġetti u li jorganizzah f'entità plastika. Jekk jagħtihom xi forma ta' allużjonijiet spiritwali skont iż-żmien u l-ambjent li jaħdem fih, dan ma jbiddel xejn mill-intenzjoni tiegħu bħala artista: jiġifieri li jġiegħlna nħossu l-emozzjoni poetika quddiem is-sbuħija li jkun lemaħ f'dawn l-oġgetti u t-tqegħid tagħhom." | ||
— Charles Sterling, 1952 |