Palenque
eks belt-stat fl-Amerka Ċentrali attwalment fin-Nofsinhar tal-Messiku / From Wikipedia, the free encyclopedia
Palenque (pronunzja bl-Ispanjol: [pa'leŋke]; bil-Maja tal-Yucatan: Bàakʼ [ɓaːkʼ]), magħrufa fl-antik ukoll bil-lingwa Itza bħala Lakamhaʼ (li tfisser litteralment "Ilma Kbir jew Ilmijiet Kbar")[1][2], kienet belt-stat tal-Maja fin-Nofsinhar tal-Messiku li spiċċat fix-xejn fis-seklu 8. Il-fdalijiet ta' Palenque jmorru lura għall-226 Q.K. sal-ħabta tas-799 W.K. Wara d-deklin tagħha, il-belt inħakmet mill-ġungla ta' siġar taċ-ċedru, tal-kawba u tas-sapodilla, iżda mbagħad ġiet skavata u rrestawrata.[3] Tinsab qrib ix-xmara Usumacinta fl-istat Messikan ta' Chiapas, madwar 130 kilometru (81 mil) fin-Nofsinhar ta' Ciudad del Carmen, 150 metru (490 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Ikollha medja ta' xi 2,160 millimetru (85 pulzier) ta' xita fis-sena u temperatura umduża ta' 26 °C (79 °F).[3]
Palenque huwa sit b'daqs medju, iżgħar minn Tikal, Chichén Itzá jew Copán, iżda fih fost l-ifjen arkitettura, skultura, soqfa u bassoriljievi mnaqqxa li qatt ipproduċew il-Maja. Ħafna mill-istorja ta' Palenque ġiet rikostruwita mill-qari tal-kitbiet ġeroglifiċi tal-Maja fuq il-bosta monumenti; issa l-istoriċi għandhom sekwenza twila tad-dinastija mexxejja ta' Palenque fis-seklu 5 u għarfien estensiv tar-rivalità tal-belt-stat ma' stati oħra bħal Calakmul u Toniná. L-iżjed mexxej famuż ta' Palenque kien K'inich Janaab Pakal jew Pacal il-Kbir. Il-qabar tiegħu nstab u ġie skavat fit-Tempju tal-Kitbiet Imnaqqxa. Sal-2005, iż-żona skoperta kienet tkopri sa 2.5 km2 (mil kwadru), iżda huwa stmat li inqas minn 10 % tal-erja totali tal-belt ġiet esplorata, u għad fadal iktar minn elf struttura li għadhom maħkuma u mgħottija mill-ġungla. Palenque laqgħet 920,470 viżitatur fl-2017.[4]