Bath, Somerset
belt f'Somerset, l-Ingilterra, ir-Renju Unit / From Wikipedia, the free encyclopedia
Bath (RP: /bɑːθ/;[1] pronunzja lokali: [ba(ː)θ])[2] hija belt u żona mingħajr parroċċa fiż-żona unitarja ta' Bath u l-Grigal ta' Somerset fil-kontea ċerimonjali ta' Somerset, l-Ingilterra, magħrufa u msemmija għall-banjijiet Rumani tagħha. Fiċ-ċensiment tal-2021, il-popolazzjoni kienet tlaħħaq il-101,557 ruħ.[3] Bath tinsab fil-wied tax-xmara Avon, 97 mil (156 kilometru) fil-Punent ta' Londra u 11-il mil (18-il kilometru) fix-Xlokk ta' Bristol. Il-belt saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987, u iktar 'il quddiem ġiet elenkata wkoll fis-Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali magħruf bħala "Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa" fl-2021.[4][5] Bath hija wkoll l-ikbar belt u insedjament f'Somerset.
Bath, Somerset | |
---|---|
Renju Unit | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Renju Unit |
Nazzjon konstitwentiv tar-Renju Unit | Ingilterra |
Reġjun tal-Ingilterra | Lbiċ tal-Ingilterra |
Ceremonial county of England | Somerset |
Unitary authority area in England | Bath u l-Grigal ta' Somerset |
Isem uffiċjali | Bath |
Ismijiet oriġinali | Bath |
Kodiċi postali |
BA1u BA2 |
Ġeografija | |
Koordinati | 51.38139°N 2.35861°W / 51.38139; -2.35861 |
Superfiċjenti | 29 kilometru kwadru |
Għoli | 132 m |
Demografija | |
Popolazzjoni | 94,782 abitanti (2011) |
Informazzjoni oħra | |
Fondazzjoni | 43 |
Kodiċi tat-telefon |
01225 |
Żona tal-Ħin | UTC±0u UTC+1 |
bliet ġemellati | Brunswick, Alkmaar, Aix-en-Provenceu Kaposvár |
mayorofbath.co.uk |
Il-belt saret spa bl-isem Latin Aquae Sulis ("l-ilmijiet ta' Sulis") għall-ħabta tas-60 W.K. meta r-Rumani bnew banjijiet u tempju fil-wied tax-xmara Avon, għalkemm il-fawwariet termali kienu magħrufa saħansitra minn qabel dak iż-żmien. L-Abbazija ta' Bath ġiet stabbilita fis-seklu 7 u saret ċentru reliġjuż; il-binja ġiet rikostruwita fis-sekli 12 u 16. Fis-seklu 17, beda jingħad li l-ilma mill-fawwariet kellu proprjetajiet ta' fejqan, u Bath saret popolari bħala raħal bi spa fl-era Ġorġjana. L-arkitettura Ġorġjana, maħduma mill-ġebla ta' Bath, tinkludi r-Royal Crescent (litteralment binja rjali b'għamla ta' nofs qamar), is-Circus, il-Kamra tal-Pompi u l-Kmamar tal-Assemblaġġ, fejn Beau Nash ippresjeda fuq il-ħajja soċjali tal-belt mill-1705 sa mewtu fl-1761.
Ħafna mit-toroq u l-pjazez ġew stabbiliti minn John Wood ix-Xiħ, u fis-seklu 18 il-belt saret popolari u l-popolazzjoni kibret. Jane Austen għexet f'Bath fil-bidu tas-seklu 19. Il-kostruzzjoni kompliet fis-seklu 19 u wara l-Blitz ta' Bath fit-Tieni Gwerra Dinjija. Bath saret parti mill-kontea ta' Avon fl-1974, u wara l-abolizzjoni ta' Avon fl-1996, saret iċ-ċentru prinċipali ta' Bath u tal-Grigal ta' Somerset.
Bath tilqa' iktar minn 6 miljun viżitatur fis-sena[6], u b'hekk hija waħda mill-għaxar bliet Ingliżi li l-iktar iżuruhom turisti barranin.[7][8] Fost l-attrazzjonijiet tal-belt hemm l-ispas, il-ġiti bid-dgħajjes tul il-kanali, ir-Royal Crescent, Bath Skyline, il-Ġonna tal-Parati u l-Park Irjali ta' Vitorja li jospita l-karnival u avvenimenti staġonali. Fost iż-żoni bil-ħwienet hemm iċ-ċentru kummerċjali ta' SouthGate, il-kuritur bl-arkati u l-ħwienet artiġjanali ta' Walcot, u t-Toroq ta' Milsom, ta' Stall u ta' York. Hemm ukoll diversi teatri, inkluż it-Teatru Rjali, kif ukoll diversi mużewijiet, fosthom il-Mużew tal-Arkitettura ta' Bath, il-Gallerija tal-Arti ta' Vitorja, il-Mużew tal-Arti tal-Lvant tal-Asja, il-Mużew tal-Astronomija ta' Herschel, il-Mużew tal-Moda, u l-Mużew ta' Holburne. Il-belt għandha żewġ universitajiet – l-Università ta' Bath u l-Università tal-Ispa ta' Bath – u l-Kulleġġ ta' Bath li jipprovdi edukazzjoni ulterjuri. Fost il-klabbs sportivi tal-belt hemm il-Bath Rugby u Bath City.