Fenek
From Wikipedia, the free encyclopedia
Il-Fniek huma mammiferi żgħar tal-familja Leporidae ta' l-ordni Lagomorpha, mifruxa mal-biċċa l-kbira tad-dinja. Hemm 10 ġeneri differenti li jiklassifikaw bħala fniek, għalkemm uħud minn dawn magħrufa bħala liebri bl-ismijiet komuni.
Fniek | |
---|---|
Fenek ta' denbu qotni tad-deżert (Sylvilagus audubonii) | |
Klassifikazzjoni xjentifika | |
Renju: | Animalia |
Phylum: | Chordata |
Klassi: | Mammalia |
Sottoklassi: | Theria |
Infraklassi: | Eutheria |
Superordni: | Euarchontoglires |
Ordni: | Lagomorpha |
Familja: | Leporidae |
Ġeneri | |
|
L-aktar ġeneru ta' suċċess bl-akbar numru ta' speċi huwa Sylvilagus il-fniek ta' denbhom qotni jew kif jissejjħu ukoll denb qotni u denb il-qoton li jiġbor fiħ madwar 16-il speċi. L-aktar speċi komuni hija l-Fenek Ewropew (Oryctolagus cuniculus) u fost l-aktar rari, ristretti ġeografikament u fil-periklu ta' estinzzjoni hemm il-Fenek tax-xmara (Bunolagus monticularis) ta' l-Afrika, l-Fenek tal-vulkan (Romerolagus diazi) tal-Messiku u l-Fenek ta' Amami (Pentalagus furnessi) tal-Ġappun. L-iżgħar speċi hija l-Fenek pigmew (Brachylagus idahoensis) ta' l-Amerika ta' fuq u fost l-isbaħ hemm iż-2 speċi ta' fniek bl-istrixxi tal-ġeneru Nesolagus. Fost il-partikolaritajiet insibu l-Fenek ta' Bunyoro (Poelagus marjorita) fejn il-ġenitali ta' l-irġiel u n-nisa minn barra għandhom l-istess forma u l-5 speċi tal-ġeneri Pronolagus u Caprolagus li għalkemm ħafna drabi jissejħu liebri dawn huma fniek.
Dawn l-ispeċi ta' fniek, flimkien mal-liebri tal-ġeneru Lepus u l-piki, jiffurmaw l-ordni kollu Lagomorpha.
Id-differenza prinċipali bejn il-fniek u l-liebri hija l-mod kif jitwieldu ż-żrameġ. Waqt li ż-żrameġ tal-liebri jitwieldu b'għajnejhom miftuħa, miksijin bil-pil u ferm attivi minn ftit żmien wara li jaraw id-dawl, dawk tal-fniek jitwieldu għomja, mingħajr pil u totalment dippendenti fuq l-omm. Differenzi oħra b' eċċezzjonijiet żgħar minn uħud mill-ispeċi huma li l-fniek normalment huma iċken, għandhom widnejn iqsar, ma għandhomx marki suwed fil-pil (eż. it-truf tal-widnejn u d-denb) u jgħixu f'bejtiet taħt l-art, fejn fil-każ tal-liebri meta jagħmlu l-bejta din tkun vera sempliċi u ssir f'wiċċ l-art, qalb il-ħaxix għoli.